YouVersion Logo
Search Icon

ĠENESI 1

1
Kapitlu 1
Il-ħolqien tas-sema u l-art
1Fil-bidu Alla ħalaq#1,1: Fil-bidu Alla ħalaq: Traduzzjoni oħra possibbli Meta Alla beda jaħlaq … L-iskop ta’ dan ir-rakkont mhux li jagħtina deskrizzjoni xjentifika tal-ħolqien, iżda li jgħallimna l-verità reliġjuża li kollox ġej minn Alla, u għall-glorja tiegħu; il-bniedem, ix-xbieha ta’ Alla, rappreżentant tiegħu, hu maħluq biex jaħkem fuq il-ħolqien f’ismu. is-sema u l-art:#Ġen 1,4; 2 Mak 7,28; Ġob 38—39; Prov 8,22-31; Ġer 10,12; Ġw 1,1-3; Atti 14,15; Kol 1,15-17; Lhud 1,2-3; 11,3; Apk 4,11. 2u kienet l-art taħwid u baħħ; u d-dlam kien fuq wiċċ l-abbissi u fuq wiċċ l-ibħra kien jittajjar l-ispirtu ta’ Alla.
3U qal Alla: “Ħa jkun id-dawl.” U d-dawl sar.#2 Kor 4,6. 4U ra Alla d-dawl li kien tajjeb. U Alla fired id-dawl mid-dlam. 5U d-dawl Alla semmieh jum, u d-dlam sejjaħlu lejl. U dalam u sebaħ - L-ewwel jum.
6U qal Alla: “Ħa jkun hemm medda f’nofs l-ilmijiet u tifred ilma minn ilma.” 7U Alla għamel il-medda u fired l-ilma ta’ taħt il-medda mill-ilma ta’ fuq il-medda. U hekk sar.#Prov 8,27-28; 2 Pt 3,5. 8U l-medda Alla semmieha sema. U dalam u sebaħ - It-tieni jum.
9U qal Alla: “Ħa jinġemgħu naħa waħda l-ilmijiet ta’ taħt is-sema u jidher l-inxif.” U hekk sar.#S 33,7. 10U sejjaħ Alla l-inxif art; u l-ġemgħa tal-ilma sejħilha baħar. U Alla ra li kollox kien tajjeb. 11U qal Alla: “Ħa tnibbet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa, siġar li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa ġo fih skont għamliethom, fuq l-art.” U hekk sar. 12U nibbtet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa skont għamlietu u siġar jagħmlu l-frott biż-żerriegħa skont għamlietu; u ra Alla li kien tajjeb. 13U dalam u sebaħ - It-tielet jum.
14U qal Alla: “Ħa jkun hemm imnariet fil-firxa tas-sema biex jifirdu l-jum mil-lejl, u jkunu sinjali għat-tqassim taż-żminijiet, tal-jiem u tas-snin.#Sir 43,6. 15U jkun hemm, imnariet fil-firxa tas-sema biex idawlu l-art.” U hekk sar. 16U għamel Alla ż-żewġ imnariet il-kbar; l-imnara l-kbira biex trieġi l-jum, u l-imnara ż-żgħira biex trieġi l-lejl, u l-kwiekeb.#Dt 4,19; S 136,7-9; Għerf 13,2-4; Ġer 31,35. 17U Alla qegħedhom fil-firxa tas-sema biex jiddu fuq l-art, 18u jrieġu l-jum u l-lejl u jifirdu d-dawl mid-dlam. U Alla ra li kien tajjeb. 19U dalam u sebaħ - Ir-raba’ jum.
20U qal Alla: “Jiżgħed l-ilma b’kotra ta’ ħlejjaq ħajjin u jittajru t-tjur fuq l-art fil-wesgħa tas-smewwiet.”#Ġob 12,7-12. 21U Alla ħalaq il-ħut il-kbir u l-annimali kollha li jitkaxkru, li bihom miżgħud l-ilma, skont ġenshom, u t-tajr bil-ġwienaħ skont ġenshom. U ra Alla li kien tajjeb. 22U berikhom Alla u qalilhom: “Welldu u oktru, u imlew l-ilma tal-ibħra; u joktor it-tajr fuq l-art.” 23U dalam u sebaħ - Il-ħames jum.
24U qal Alla: “Ħa tnissel l-art ħlejjaq ħajja skont ġenshom: bhejjem tad-dar, annimali li jitkaxkru, u bhejjem selvaġġi, skont ġenshom.” U hekk sar. 25U għamel Alla l-bhejjem selvaġġi skont ġenshom, u l-bhejjem tad-dar skont ġenshom, u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art skont ġenshom. U ra Alla li kien tajjeb.
26U qal Alla: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq ix-xbieha u s-sura tagħna, u jaħkmu fuq il-ħut tal-baħar u fuq it-tajr tal-ajru, fuq il-bhejjem tad-dar u fuq il-bhejjem selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li jitkaxkru fuq l-art.”#Ġen 5,1-3; 9,6; Għerf 2,23; 10,2; Sir 17,1-4; Mt 19,4; Mk 10,6; Ef 4,24; Kol 3,10.
27U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbiehetu
fuq xbihat Alla ħalqu,
raġel u mara ħalaqhom.
28U berikhom Alla u qalilhom: “Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr tal-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art.”#Ġen 8,17; 9,1; S 8,6-9; 115,16; Għerf 9,2; 10,2; Sir 17,2-4.
29U qal Alla: “Araw, jien tajtkom il-ħaxix kollu, li jagħmel iż-żerriegħa fuq wiċċ l-art, u s-siġar kollha li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa: dawn kollha jkunu għall-għajxien tagħkom.#Ġen 9,3; S 104,14-15. 30U lill-bhejjem kollha selvaġġi u t-tajr kollu tal-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fl-art li fihom nifs il-ħajja, nagħtihom il-ħaxix kollu aħdar għall-għajxien tagħhom.” U hekk sar. 31U ħares Alla lejn kulma kien għamel, u, ara, kollox kien tajjeb ħafna. U dalam u sebaħ - Is-sitt jum.#Sir 39,21; 1 Tim 4,4.

Currently Selected:

ĠENESI 1: MB20

Highlight

Share

Copy

None

Want to have your highlights saved across all your devices? Sign up or sign in

YouVersion uses cookies to personalize your experience. By using our website, you accept our use of cookies as described in our Privacy Policy